Amistad
Karattri ewlenin
Cinque
Bidwi Afrikan tat-tribù Mende, li jinħataf minn daru fl-Afrika tal-Punent u jinbigħ bħala skjav. Wara li mexxa rivolta kontra l-ekwipaġġ Spanjol tal-vapur tal-iskjavi Amistad, isib ruħu f’qorti Amerikana akkużat bi qtil.
Roger Baldwin
Avukat Amerikan tal-beni immobbli, li jaċċetta li jiddefendi lil Cinque u lil sħabu, billi jġib provi fil-qorti li huma twildux skjavi, u li għalhekk legalment qatt ma setgħu jsiru skjavi.
Theodore Joadson (Morgan Freeman)
Eks skjav jgħix fl-istat Amerikan tal-Connecticut u uffiċjal tal-American Abolitionist Society, jaħdem biex jintemm l-iskjavitù fl-Istati Uniti.
John Quincy Adams (Anthony Hopkins)
Is-sitt President tal-Istati Uniti (1825-1829), li fl-1839 kien membru tal-Kungress minn Massachusetts, u jaħdem għall-ħelsien ta’ Cinque u l-iskjavi l-oħra sħabu.
Lewis Tappan
Mexxej tal-American Abolitionist Society.
President Van Buren
It-tmien President tal-Istati Uniti, li l-iktar li kien jinteressah kien li l-problemi tal-Amistad ma jtellfuhx l-elezzjoni tal-1840.
Trama
Dan il-film huwa mibni fuq ġrajja vera li seħħet fl-1839. L-Amistad kien vapur Spanjol li kien iġorr grupp ta’ Afrikani li kienu nħatfu minn pajjiżhom, minn Ħavana għal port ieħor f’Kuba stess. L-Afrikani, immexxija minn raġel b’saħħtu jismu Cinque, qamu kontra l-ekwipaġġ Spanjol tal-vapur f’attentat biex jaħarbu. Wara li ħadu f’idejhom il-vapur, żewġ merkanti tal-iskjavi Ruiz u Montes qalulhom li kienu se jgħinuhom imorru lura, iżda fil-fatt, l-Amistad spiċċa fil-kosta tal-Istat ta’ Connecticut fit-tramuntana tal-Amerika. Uffiċjali Amerikani mill-ewwel arrestaw lill-Afrikani u akkużawhom bi qtil fir-rivolta fuq il-vapur, u Cinque u sħabu sabu ruħhom f’nofs battalja legali twila li kellha tiddeċiedi mhux biss il-futur tagħhom iżda taqsam lill-pajjiż kollu fuq is-suġġett jaħraq tal-iskjavitù.
Wara li Cinque u 43 Afrikan ieħor kienu arrestati, l-avukat Baldwin u l-eks skjav Joadson jagħmlu minn kollox biex jeħilsuhom. Għal Baldwin din kien biss “kwistjoni ta’ proprjetà” u kien jaf li jekk seta’ jipprova li huma nħatfu mill-Afrika, kien juri li ma kinux skjavi legali u kellhom dritt jirribellaw fuq il-vapur. Għal Joadson kienet kwistjoni morali, ma kienx jimporta Cinque minn fejn kien ġej, l-Afrikani għandu jinħelsu.
Imħallef ta’ qorti inferjuri jiddeċiedi li jeħles lil Cinque, imma meta l-gvern federali jappella l-każ sal-Qorti Suprema Amerikana, Baldwin jikkonvinċi lill-eks President Adams biex jiddefendi hu l-każ tal-Afrikani. Adams juri li l-liġi u l-morali kienu fuq in-naħa tagħhom, u għalhekk l-Afrikani tal-Amistad għandhom jinħelsu anke jekk dan iqarreb lill-Istati Uniti lejn Gwerra Ċivili.
Nota storika fuq l-iskjavitù u l-każ Amistad
Tletin sena qabel il-każ Amistad, fl-1808, l-importazzjoni tal-iskjavi kienet saret illegali fl-Istati Uniti (fl-1807, it-trasport tal-iskjavi kien sar illegali fl-Imperu Ingliż). Iżda l-iskjavitù baqa’ mifrux sew fl-istati nofsinhar tal-Amerika (bħal Alabama u Mississippi), filwaqt li tat-tramuntana kienu kontrieh (bħal New York u Connecticut). Fi żmien l-Amistad kien hemm miljuni ta’ skjavi fin-nofsinhar, iżda fit-tramuntana l-iskjavitù kien illegali u s-suwed kienu jgħixu liberi, għalkemm bħala ċittadini tat-tieni klassi.
Il-każ Amistad kien żvilupp importanti fl-istorja Amerikana. Għoxrin sena wara bdiet il-Gwerra Ċivili Amerikana (1861-1865) u l-iskjavitù nqered għal kollox taħt il-presidenza ta’ Abraham Lincoln.
Mistoqsijiet għad-Diskussjoni
Ġustizzja u Drittijiet tal-Bniedem
- L-Afrikani tal-Amistad rebħu fil-qorti għax ma kienu skjavi li nħatfu b’mod illegali. Minkejja l-qorti waslet għal riżultat tajjeb, ir-raġuni kienet tajba?
- L-immigranti Afrikani li jiġu Malta jinżammu għal ħafna żmien f’kampijiet ta’ detenzjoni? Huwa sew dan? Għaliex?
- Għaliex jaħarbu l-Afrikani tal-lum? Minn fejn l-iktar li jaħarbu?
- X’inhi d-differenza bejn immigrant illegali u refuġjat?
- Fid-dinja tal-lum jeżisti l-iskjavitù? Jekk iva, fejn?
Kuraġġ u Ribelljoni
- X’inhu d-dritt tal-insurrezzjoni (insurrection)? Għadu jeżisti? Min għandu dan id-dritt?
- Min wera kuraġġ fil-film? X’kienu l-atti kuraġġużi tagħhom?
- Għaliex l-iskjavitù huwa moralment ħażin?
Rispett
- L-Afrikani tal-Amistad għamlu sew li rribellaw anke li qatlu n-nies? Setgħu ħadu li riedu b’mod paċifiku?
- Jagħmlu sew l-immigranti maqfulin fiċ-ċentri ta’ detenzjoni meta jirribellaw jew jippruvaw jaħarbu?
Caring
9. Jista’ sid tal-iskjavi jimpurtah tassew mill-iskjav tiegħu?
10. Kull min jitkellem favur id-drittijiet tal-immigranti verament jimpurtah minnhom jew jimpurtah biss li jmexxi l-aġenda politika tiegħu?
Reliġjon
- Xi rwol tilgħab ir-reliġjon f’dan il-film?
- Għaliex skont ir-reliġjon il-bnedmin huma kollha ndaqs?
- Ir-reliġjon tidher biss bħala ħaġa tajba fil-film?
- Kif tidher il-figura ta’ Ġesù għall-Afrikani li qatt ma kienu semgħu bih qabel?