Log In
Robert Aloisio

The Internet

BL-INTERNET MA TIBQAX WAĦDEK?

Il-ħbieb li ssib fil-web huma s-soluzzjoni biex ma tħossokx waħdek?…

Li tħossok waħdek hija sensazzjoni kerha, veru kerha… inti ukoll ġieli tgħaddi minnha: kull mhemm madwarek tibda tarah jinbidel, u qisu ħadd ma jkun jista’ jifhem id-dwejjaq ta’ qalbek, ix-xewqa li jisimgħuk u jaċċettawk. Ommok u missierek tarahom wisq kbar biex jifhmuk… imma jeżisti strument, li milli jidher, għandu riżorsi li ma jispiċċaw qatt biex jeqred is-solitudni kollha: l-internet.

Nagħmlu ħbieb bil-web!

Qabel xejn l-internet, proprju għax huwa “web“, huwa xibka ta’ biljuni ta’ persuni – li anke jekk ma jafux lil xulxin, spiss jiltaqgħu u jitkellmu flimkien, jiddjalogaw u jaqsmu l-fehmiet tagħhom. F’kelma waħda: jirrelazzjonaw.

Wow! Allura l-web hija l-mediċina li tfejjaq is-solitudni, is-solitudni tiegħek, it-toqol fl-istonku li minnu tixtieq teħles? Mmm… tidher sitwazzjoni wisq sabiħa, wisq faċli biex tkun vera. Nippruvaw nindagaw iktar fil-fond.

Id-dinja li fiha kollox hu possibbli

Il-web huwa spazju virtwali. Ma tistax tmissu, ma jinsab imkien. Kif titfi l-kompjuter u l-mowbajl, l-internet imur standby sad-darba ta’ wara meta tiddeċiedi li tagħfas “start“. Issib il-ħbieb fuq l-internet tfisser issir tafhom bis-sulluzzu, dejjem tiddependi minn strument diġitali.

It-tentazzjoni, għal min qiegħed ifittex ħbieb ġodda – antidotu biex ma jħossux waħdu – hija dik li jibda jidħol fil-forums u fis-social networks, juża l-instant messaging u jħalli l-aċċess miftuħ għal persuni li ma jafx. Din tista’ tidher mossa intelliġenti, imma fil-verità ma tantx hi.
Min għandu 3000 friends fuq il-Facebook jista’ jgħid li dawk kollha huma tassew ħbieb tiegħu? Jista’ jkun li għal xi uħud, li jistgħu jiftaħru kemm jafuhom nies, għalihom diġà huwa pass importanti, imma jaħasra dan mhuwa xejn ħlief ingann. Għax dawn mhumiex persuni tad-demm u l-laħam, imma biss persuni “trasparenti”!

X’jiġifieri? Ħbieb li ma tiltaqax magħhom fit-toroq tar-raħal tiegħek, li qatt ma tmorru tieklu xi ħaġa flimkien, qatt ma toħorġu flimkien. Huma trasparenti, ma jagħmlux parti minn ħajtek. Qegħdin hemm, fil-limbu! Jistgħu, biċ-chatting, jgħidulek li jifhmuk, li taqblu ħafna bejnietkom, imma dan m’għandu x’jaqsam xejn ma’ li tista’ tħares direttament f’għajnejn ħabibek u dan jgħidlek: “Ħujj, fejn hi rasek?!”.

Din id-“dinja li fiha kollox hu possibbli” issir dinja li fiha xejn mhu reali: ħafna bżieżaq tas-sapun li jippruvaw jiltaqgħu, iżda hekk kif jersqu lejn xulxin, jinfaqgħu… u kollox jisparixxi.

It-tentazzjoni hija qawwija…

Jekk bħalissa l-ħajja qiegħda ttik fuq wiċċek, jekk l-iskola tħossha ħabs, jekk il-ħbieb li għandek ma jissodisfawkx, jekk qed tiddejjaq id-dar, it-tentazzjoni li tinfexx fl-internet hija qawwija: anke jekk huma virtwali, hemm il-ħbieb tista’ ssibhom b’sempliċi klikk! Kif se tirreżisti biex ma tidħolx f’relazzjonijiet ta’ ħbiberija, li ħafna drabi huma ħbiberiji taparsi? Billi tuża l-iktar żewġ armi potenti tal-univers: qalbek u moħħok.

Bl-ewwel waħda – qalbek – indaga sew fik innifsek: inti għandek kull ma hu meħtieġ biex tkun persuna speċjali. Jekk bħalissa tħossok waħdek, ġo fik għandek ukoll is-saħħa biex ma tkomplix tingħalaq fik innifsek u biex tħares madwarek u ssib persuni ġodda, “touchable“, li tista’ ssir tafhom!

Bit-tieni arma – moħħok – ftakar x’inhuma l-karatteristiċi tal-ħbieb veri li jirbħu fuq dawk virtwali: issibhom dejjem, jifhmuk anke b’ħarsa (mhux tal-webcam!), ma jitolbuk xejn lura għall-ħin li jiddedikaw għalik. Jafu dak li hu ta’ ġid għalik, u m’għandhomx problema jgħiduhulek f’wiċċek.

 

ALLURA, AĦJAR WAĦDEK MILLI FUQ L-INTERNET?

Aħjar “waħdek”, għax il-ħbieb issibhom meta toħroġ mid-dar, mhux billi toqgħod imsakkar ġewwa. Il-ħin li tqatta’ fil-web huwa tajjeb biex issaħħaħ ħbiberiji li diġà jeżistu, biex tagħmel ir-riċerka għall-proġetti tal-iskola, biex taġġorna ruħek fuq dak li qed jiġri fid-dinja… Imma jekk trid tagħmel ħbieb veri mur il-Museum jew f’xi għaqda oħra tajba. Agħmel xi team sport. Tħallat ma’ ħbieb tajbin, tad-demm u l-laħam!

Robert Aloisio

 

Leave a Reply

*